
Il-Kurżità tħuf f’Tas-Sliema
Il-programm ta’ llum se jeħodna f’post li kiber u żviluppa ħafna fis-seklu għoxrin. Tas-Sliema hi mdawra bil-baħar, u dan il-baħar kien il-mezz li żamm lura l-iżvilupp ta’ din il-lokalità. Illum id-dehra ta’ din il-belt inbidlet ħafna. Wara l-bini għoli li ddawwarha, hemm djar u tifkiriet oħra li jqanqlulna kurżità kif se naraw fil-programm ta’ llum.
Id-dehra tal-baħar li jdawwar din il-parti ta’ tas-Sliema hi magħrufa minn kulħadd. Huma bosta li jiġu hawn u jitgħaxqu b’din is-sbuħija tal-baħar kaħlani, iżda mhux hekk kien fl-imgħoddi, għax billi dawn in-naħat kienu bla bini, l-għadu kien faċilment jista’ jinżel hawn u jagħmel straġi. Għal din ir-raġuni fis-sena 1758 il-Gran Mastru de Redin bena dan it-Torri li kellu jservi bħala għassies biex f’dawn l-inħawi ma jersaqx l-għadu. L-istil ta’ dan it-Torri hu komuni u jixbah ħafna lil torrijiet oħra mibnija mill-istess Gran Mastru f’inħawi differenti madwar gżiritna.
Dan it-torri mhux l-uniku bini li jfakkarna fid-difiża, għaliex ftit passi ‘l bogħod minn hawn, insibu post ieħor li jurina li l-Ingliżi wkoll ħasbu biex isaħħu d-difiża ta’ dawn l-inħawi. Ħa nimxu s’hemm u naraw din it-tifkira li tfakkarna f’Tas-Sliema tal-imgħoddi.
Din il-Fortizza nbniet fi żmien il-ħakma Ingliża bejn l-1872 u l-1876 u tawha l-isem ta’ Sliema Point Battery. Kienet waħda mit-tliet fortizzi li bnew l-Ingliżi f’dawn l-inħawi. Għandha forma ta’ mrewħa u l-foss tagħha hu fond mhux ħażin. Oriġnali hija d-daħla tagħha magħmula fuq stil li jersaq ħafna lejn il-Gotiku.
Fl-ewwel snin tas-seklu għoxrin din il-fortizza biddlet il-ħidma tagħha u bdiet tintuża bħala ċentru li jdawwar l-ibħra ta’ madwarha permezz tas-searchlights qawwija. Għal dan il-għan fl-1905 nbena t-torri li naraw fuq ix-xellug tagħha. Għalkemm illum il-fortizza ta’ Għar id-Dud qed taqdi skop ieħor, għadha tiġbed lejha l-attenzjoni tan-numru kbir ta’ turisti u Maltin li f’kull ħin tal-ġurnata jgħaddu minn ħdejha.
Illum f’Għar id-Dud insibu bosta lukandi u postijiet ta’ divertiment. Fil-qalba ta’ dan il-moviment naraw tifkira ta’ post li kien ewlieni f’dan il-qasam – Ix-Chalet. Dan kien inbena fis-snin għoxrin. Kien fih żewġ sulari kif nistgħu naraw minn dak li baqa’ minnu. Fis-sular t’isfel nett kien isir iż-żfin ballroom u s-sular ta’ fuq kien iservi bħala ċentru imfittex ħafna fix-xhur tas-Sajf. Ħasra lix-Chalet tas-snin għoxrin, illum waqa’ f’dan l-istat.
Ftit metri ‘l bogħd minn awn se naraw post ieħor marbut mad-difiża. Dan kien inbena fl-aħħar snin tal-kavallieri f’Malta. Ħa ninżlu mill-inħawi ta’ Qui-Si-Sana, biex naraw dan il-post
Din hi l-Forti Tigne, mesmmija hekk għall Balliju Tigne li għen ħafna fl-ispejjeż tal-bini tagħha. Inbniet fl-1792 flok oħra aktar qadima. Id-disinn tagħha għamlu l-inġinier tal- Ordni Tousand u l-bini tagħha kien fdat f’idejn l-imgħallem Antonio Cachia. Dawn l-inħawi, faċċata tal-belt Valletta, kienu minn dejjem post strateġiku ta’ difiża għal beltna. Huma magħrufa wkoll bħala “Il-Ponta ta’ Dragut” għax minn dejjem ingħad li dan il-mexxej Tork, kellu d-difiża tiegħu miġbura hawnhekk. Dragut miet hawnekk permezz ta’ balla sparata mill-Forti Sant’ Iermu.
Minn dawn l-inħawi fejn ninsabu, nistgħu nammiraw id-dehra sabiħa ta’ beltna Valletta u wkoll tal-gżira Manoel, iżda nkomplu l-mixja tagħna mal-baħar, biex naraw bini, marbut mal-ewlenin residenti ta’ tas-Sliema.
Fis-sena 1881 f’dan il-bini twaqqaf apparat li permezz tiegħu l-ilma baħar beda jiġi distilizzat għax-xorb. Illum il-bini huwa mdawwar b’bosta lukandi, iżda meta nbena, kien waħdu wieqaf fil-ponta ta’ tas-Sliema. L-iżvilupp ta’ dawn l-inħawi ħalla dan il-bini wieqaf hawn, bħala tifkira oħra marbuta mal-istorja ta’ tas-Sliema.
Kif qegħdin naraw il-baħar għandu sehem kbir u importanti fl-istorja ta’ tas-Sliema. Illum mad-dawra ta’ dan ix-Xatt naraw bosta inġenji li jservu għal ħarġiet tal-barranin fuq il-baħar iżda fl-imgħoddi, flok dawn l-inġenji kien ikun hawn il-laneċ ta’ Mattei li bdew jaħdmu mill-Belt għal tas-Sliema fl-aħħar snin tas-seklu dsatax. Dawn kienu taw il-ħajja lil tas-Sliema għax ġabu hawn mijie ta’ Maltin minn nħawi differenti ta’ Malta. Id-dehra tal-moll tal-laneċ f’dan ix-Xatt għadu stampat fil-moħħ ta’ bosta nies anzjani.
Waħda mit-toroq li twassal għal dan ix-Xatt hi Triq il-Lunzjata. Ħa nitilgħu s’hemm biex naraw tifkira oħra tas-seklu dsatax.
Din il-Villa hi magħrufa bħala Villa Teuma Casteletti mibnija bi stil sabiħ kif kienu bosta djar oħra li kienu jsebbħu lil tas-Sliema mibnija minn bosta għonja u nobbli. F’din il-villa wieħed jista’ jara eżempju ta’ arkitettura ta’ sempliċi iżda sabiħ u eleganti fl-istess ħin u li jaqbel mal-bini li jdawwar dawn l-inħawi.
Dawn it-toroq kienu l-ewwel toroq li ffurmaw lil tas-Sliema. Ftit il-fuq minn hawn hemm irħama li qegħda tfakkar dan li qedgħin ngħidu. Ħa nimxi s’hemm.
F’dan il-post preċiż kienu jmissu t-truf tal-propjetà tal-art tal-Katidral u tad-Dumnikani tal-Birgu. Oriġinali hawnhekk kien hawn ħajt diviżorju iżda llum hawn din l-irħama, iżda barra din, it-toroq fuq in-naħa tax-xellug huma msemmija għal qaddisin b’rabta mal-Katidral, filwaqt lit-toroq fuq in-naħa l-oħra huma msemmija għal qaddisin Dumnikani.
Kif għidna dawn kienu l-ewlenin toroq f’tas-Sliema, allura hawnhekk ma jistax jonqos li ma nsibux ukoll l-eqdem knisja f’tas-Sliema.
Din hi l-Knisja tal-Madonna tal-Grazzja magħrufa bħala “il-knisja ż-żgħira”. L-ewwel knisja f’tas-Sliema kienet fil-Ponta ta’ Tigne u kienet iġġarfet mill-Franċiżi fl-1801. Wara nbniet din il-knisja fil-qalba ta’ tas-Sliema. Meta tlestiet inġiebu u ndifnu f’din il-knisja il-fdal ta’ Mikiel Pianta li kien benefattur u wkoll ta’ Dun Tumas Vassallo li kien rettur tal-knisja ta’ Tigne. F’din il-knisja żgħira jiġbed ħafna l-attenzjoni il-kwadru tal-Familja Mqaddsa, opra mill-isbaħ ta’ Mattia Preti u magħruf bħala wieħed mill-aħjar xogħlijiet ta’ dan il-pittur Kalabriż li ħallielna bosta opri ta’ stil Barokk fil-gżejjer tagħna.
F’tas-Sliema l-istil Barokk hu rari ħafna, iżda mhux hekk l-istil Art Decor, stil Franċiż, li sa ftit tas-snin ilu, tas-Sliema kienet miżgħuda bih, għalhekk kienet magħrufa bħala l-belt tal-Art Decor. Ħa ninżlu fi Triq Amery biex naraw numru ta’ djar mibnija b’dan l-istil.
Dawn id-djar ġew mibnija sebgħin sena ilu skont il-pjanta tal-perit Gustav Vincenti. Huma djar mżejna bi skultuta li taqbel ma’ dan l-istil kif inhi l-gallarija tal-injam. Il-perit Vincenti kien kapaċi li jgħaqqad il-gallarija Maltija mal-istil Art Decor u b’differenzi żgħar għamluha gallarija tabilħaqq oriġinali.
Jekk f’dawn id-djar apprezzajna s-sbuħija tal-Art Decor, ftit il-bogħod minn hawn ħa naraw djar oħra ta’ arkitettura mhux komuni.
L-istil ta’ dawn id-djar ifakkrek ħafna fl-istil Gotiku b’mod speċjali l-bibien tagħhom. Jiġbdu wkoll l-attenzjoni l-apramorta tal-bjut b’tifsila li tfakkrek fil-kastell tal-imgħoddi. Is-sena minquxa hawnhekk turina li dawn inbnew fl-aħħar snin tas-seklu dsatax. F’waħda minn dawn id-djar kien joqgħod wieħed mil-Prim Ministri ta’ Malta – Dr.Gorg Borg Olivier. Irħama qegħda tfakkar lil dan il-mexxej Malti li għadda l-aqwa snin ta’ ħajtu f’din id-dar hekk sabiħa u eleganti fl-istil tagħha. F’dawn l-inħawi nsibu Triq il-Palazz Capua. Għaliex?
Dan darba kien il-Palazz Capua. Prinċep bena dan il-palazz fl-ewwel nofs tas-seklu dsatax u għal sentejn sħaħ baqa’ joqgħod fih flimkien ma’ martu. Hu palazz mibni fuq numru ta’ kolonni li jdawruh kollu kemm hu. Għadda minn episodji differenti ta’ storja, iżda għadu wieqaf u qed jaqdi missjoni oħra iżda isem il-prinċep Capua għadu hemm.
Personaġġ ieħor li rabat ismu ma’ tas-Sliema kien is-Sur Fons Maria Galea. Kien filantropu nazzjonali. Kien joqgħod ftit metri il-bogħod minn hawn. Ħa mmorru naraw id-dar fejn kien joqgħod.
F’din id-dar, li ġġib l-isem Betharam, kien joqgħod dan il-benefattur Malti. Hi dar mibnija b’arkitettura klassika mżejna b’gallarija msaqqfa permezz ta’ numru ta’ kolonni. L-eleganza tal-istil ta’ din id-dar flimkien mal-iskultura irfinuta li fiha jagħmluha waħda mill-isbaħ vilel li baqa’ f’Tas-Sliema.
Jekk din id-dar fiha stil sabiħ ta’ arkitettura, fi Triq Rudolph se naraw dar mibnija bi stil li jfakkrek ħafna fl-istil Orjentali.
Din id-dar inbniet mill-Perit Emmanuele Luigi Galizia fl-aħħar snin tas-seklu dsatax. Hu kien joqgħod fiha hu. Id-dar, li ġġib l-isem Alhambra, hi b’sular wieħed u għandha l-istess stil li naraw fiċ-ċimiterju tat-Torok li nsibu fil-Marsa. Id-daħla tagħha hi magħmhula minn tliet daħliet wieqfa fuq żewġ kolonni u mdawra b’ħafna skultura u b’par twieqi fuq kull naħa. Ħasra li għandha xi skultura mkissra. L-istess stil uża il-perit Galizia fid-dar li tmiss magħha.
Faċċata ta’ din id-dar sabiħa qed naraw knisja ta’ stil mhux komuni. Hi knisja anglikana mibnija fl-1866. Is-saqaf imżerżaq tagħha miksi bid-deffun Malti jagħmilha tabilħaqq oriġinali. Il-pjanta ta; din il-knisja għamilha George Hill ta’ Londra filwaqt li Webster Poulson mexxa x-xogħol tal-bini.
Meta inbniet din il-knisja, il-protestanti kienu attivi ħafna ħafna f’tas-Sliema. Tant kienu attivi, li bnew ukoll kullegg internazzjonali. Diżgrazzjatament illum dan il-kulleġġ twaqqa iżda ghad baqa triq li ġġib ismu. Ħa nimxu s’hemm.
Il-kuleġġ mibni mill-protestanti ma kellu ħajja twila ħafna u wara għadda f’idej il-Ġizwiti u dam f’idejhom ghal numru ta’ snin. Maż-żmien bnew ukoll din il-knisja. Fil-frontispisju taghħa naqqxu s-sena li bnewha flimkien mal-motto ta’ l-Ordni.
Il-Kuleġġ mibni mill-protestanti f’dawn l-inħawi ġab żvilupp kbir f’dawn l-inħawi fost id-djar li inbnew insibu dawn l-erba. Il-gallerija taghħom hi maħruġa ‘l barra bħala portiku fuq il-bieb. Isimhom h mnaqqax b’ittri kbar fil-ġebla filwaqt li l-faċċata hi mżejna b’pilastri Joniċi.
Jekk il-protestanti fis-seklu dsatax bnew kulleġġ kbir għall-edukazzjoni, fl-1910 l-Ingliżi bnew skola primarja kbira ghat-tfal Sliemiżi. Hi biċċa xogħol sabiħa ta’ arkittetura.
L-iskola primarja ta’ tas-Sliema, mibnija mill-perit Andrea Vassallo, ghandha stil Neo klassiku. Magħmula minn żewġ sulari u mdawra b’numru ta’kolonni. Għanda kwartier sħiħ imdawra b’erba’ toroq u bħala tifkira li din l-iskola hekk sabiħa inbniet fi żmien l-Ingliżi, fl-erba kanttunieri taghħa naraw l-arma tal-Gra Brittanja.
Personalita Maltija li ħadmet ħafna fil-qasam ta’ l-edukazzjoni kien il-poeta nazzjonali Dun Karm Psaila li kien joqgħod ftit metri l-bogħod min hawn. Ħalli imorru naraw din id-dar fejn kien joqgħod.
Din l-irħama u l-isem ta’ din it-triq qed ifakkru dak li għidna. F’din id-dar Dun Karm għex l-aqwa żmien tal-karriera tiegħu. Fiha kiteb bosta poeżiji xi wħud minnhom b’rabta ma’ dawn l-inħawi. Kienet l-aħħar dar tiegħu sakemm miet fl-1961.
Fid-dawra tagħna f’tas-Sliema rajna diġa id-dar tas-sur Fons iżda minn hawn ħa nimxu biex naraw tlett monumenti li waqqaf dan il-filantropu fil-qalba ta’ tas-Sliema.
Dan it-taraġ iwassal għal post magħruf bħala St.Patrick’s, dar kbira ħafna li tilqa fiha zgħazagħ li jkollhom bżonn l-għajnuna ul-formazjoni taż-Sależjani, ta’ Dun Bosco li kienu ġew Malta fuq it-talba tas-Sur Fons Marija Galea. Barra dan il-post l-istess benefattur ħaseb ukoll ghall-edukazzjoni u għar-rikrejazzjoni tat-tfal u żgħazagħ. Għal dan il-għan bena l-Juventus Domus u fdaħ ukoll f’idejn is-sależjani.
It-tielet monument tas-Sur fons f’dawn l-inħawi huwa dan il-post Angela House. Dar kbira oħra li tilqa fiha trabi u tfal bi problemi familjari. Dawn it-tlett monumenti li għaddew minn fuqhom għexieren ta’ snin għadhom jaqdu l-missjoni li għalihom kien bihom is-Sur Fons.
Nistgħu ngħidu li f’kull belt u raħal li żorna f’din is-sensiela dejjem rajna x ħaġa oriġinali li ma sibniex fi bliet u rħula oħra. Hawn f’tas-Sliema se nurukom ħaġa tabilħaqq oriġinali. Ħa nimxu s’hemm u narawha.
Din it-triq hi magħrufa bħala “fuq il-loġoġ” u tafu għaliex? Għax din it-triq hi magħmula minn numru ta’ loġoġ li fuqhom hu mibni parti mit-tieni sular tad-djar ta’ din it-triq.
Ħarsa minn dawn il-loġoġ u wieħed jintebaħ li jiġi fuq livell ta’ triq oħra, triq li tgħaqqad il-parti ta’ fuq tas-Sliema mal-parti magħrufa bħala l-Balluta.
Minn fuq il-loġoġ se ninżlu fil-Balluta biex flimkien naraw żewġ hwejjeġ oħra interessanti.
Dan il-kumpless ta’ bini għoli tela ftit snin qabel il-gwerra mill-markis Scicluna skond il-pjanta tal-perit Guzeppi Psaila. Bla dubju hu wiħed mil-aqwa monumenti ta’ l-istil Art Decor li nsibu fil-gżejjer tagħna, mibni fis-seklu għoxrin.
Il-perit Psaila kien kapaċi jtina faċċata mill-isbaħ u żejjinha b’ħafna skultur għamel twieqi u galleriji oriġinali, banavostri dekorattivi u tant skultura oħra sabiħa. Fin-nofs ta’ kull blokk għamel fetħa kbira għad-dawl u żejjinha b’arkata dekorattiva. Il-ħadid ukoll għandu disinn li għamel ma’l-istil biex hekk il-perit Psaila tana opra ko mpluta li qegħda tagħmillu ġieħ kbir.
F’nofs dan il-misraħ qed naraw din l-istatwa b’vaska madwarha. Din qegħda tfakkarna meta fis-sena 1881 is-sistema ta’ l-ilma twasslet f’tas-Sliema. Oriġinali din it-tifkira kienet fi Pjazza Sant Anna f’tas-sliema, iżda issa ilha hawn għal numru twil ta’ snin bħala tifkira oħra marbuta ma’ ġrajjiet tas-sliema.
Bdejna l-programm tagħna bid-dehra sabiħa tal-baħar li jdawwar lil tas-Sliema u se nispiċċawha bl-isfond tal-baħar kaħlani li jdawwar il-ġnien Ġnien l-Indipendenza.
Barra l-bini u t-tifkiriet li rajna fil-programm f’tas-Sliema insibu wkoll ismijiet ta’ toroq b’rabta ma’ din il-Belt.
Triq Patri Marjanu Vella qegħda tfakkarna f’dan il-poeta Sliemiż li twieled fl-1927.
Triq Paċe qed tfakkarna f’dan il-kompożitur Malti li għex fi Franza u li-familja tiegħu kienu s-sidien ta’ l-art fejn illum insibu din it-triq.
Triq il-Freres qed tfakkarna, li ftit il-bogħod minn din it-triq il-Freres fetħu l-ewwel skola tagħo f’tas-Sliema.
Triq Manwel Dimech qegħda tfakkarna f’dan il-Malti li ħadem ħafna għad-drittijiet tal-Maltin u li kellu d-dar f’din it-triq.
Triq Duna Rua qegħda tfakkarna f’dan is-suċċessur ta’ Dun Bosco u li fi żmienu is-Sależjani ġew Malta.
Triq Ġuże Ellul Mercer f’dan il-kittieb Malti li kien joqgħod tas-Sliema u l-istess triq Guze Cardona, kittieb ieħor tal-Malti li kien joqgħod u miet f’tas-Sliema.
Dawn l-ismijiet tat-toroq flimkien ma’ oħrajn u l-bini u t-tifkiriet li ranja huma laqwa turija li għalkemm tas-Sliema m’għandhiex stroja qadima ħafna, b’danakollu tat-sehem siewi u importanti fi ġrajjiet art twelidna.
Tas-Sliema
11 ta’ April 1999 Tony Terribile.
Recent Comments